Veronica Lynn Mizzi

Immaġinak, b’katina ftit itwal minn tliet metri mdawra m’għonqok imwaħħla ma’ ħajt, ma tistax tiċċaqlaq u timxi. Marbut mingħajr kenn, li jħallik espost għall-elementi, kemm jekk xita qliel jew xemx taqli l-ankri, bla ikel u xi skutella b’daqsxejn ilma li jispiċċa mdardar.

Hekk iħossu kelb li jintrabat b’xi katina, u jitħalla fuq xi bejt jew xi bitħa minsi għal sigħat jekk mhux anke ġranet.

Minkejja li l-kelb huwa meqjus bħala l-akbar ħabib tal-bniedem, sikwit tisma’ b’każi fejn dawn il-ħbieb fuq erba’ saqajn, ma jiġux trattati kif inhu xieraq, fejn minbarra li jiġi injorat ġieli saħansitra jiġu maħqura.

Dwar din ir-realtà, din il-gazzetta tkellmet mal-attivista għad-drittijiet tal-annimali Moira Delia. Malli ltqajna, Delia riedet tagħmilha ċara li hi taqbeż għad-drittijiet tal-annimali u trid tkun il-vuċi tagħhom. “Għalhekk,” tgħid Delia “kemm-il darba nidher kerha f’għajnejn in-nies, għax inġib l-ewwel id-drittijiet ta’ dawk li m’għandhomx vuċi. Hemm il-politikanti li jirrapreżentaw lin-nies, imma jien m’iniex poltikanta, u linġib l-ewwel lill-annimal, u għalhekk jista’ jkun li mhux kollox jinstema’ sabiħ.”

Moira Delia tilmenta li ċertu sidien ta’ annimali partikolarment taż-żwiemel, jakkużawha li qed tagħmlilhom id-deni, “imma jien mhux nagħmlilhom id-deni imma nkun irrid nassigura li ż-żwiemel tagħhom ikunu qed jgħixu l-aqwa ħajja.” Sostniet li hi se tkun qed titkellem bil-qawwa jekk tara li qed jitħallew fix-xemx u bla kenn fl-eqqel sigħat tax-xemx fis-sajf, speċjalment mingħajr ilma.

‘Fiduċjuża fil-bidla tal-liġi’

L-attivista tad-drittijiet tal-annimali spjegat kif preżentament, il-liġi tippermetti li s-sidien jorbtu l-annimali tagħhom b’mod permanenti permezz ta’ katina fil-proprjetà tagħhom, diment li tali katina tkun taqbeż it-tul stipulat.

Minkejja dan, qalet kif għandha fiduċja li din is-sitwazzjoni se tinbidel hekk kif wara numru ta’ laqgħat u protesti minn gruppi li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali, qed nittamaw li l-liġi l-ġdida tinsab ftit ’il bogħod milli tiġi finalizzata, wara li l-Dipartment għall-Ħarsien tal-Annimali ngħata proposti minn gruppi għall-ħarsien tal-annimali, b’tali proposti jkunu bbażati fuq diversi pajjiżi Ewropej.

Moira Delia kompliet titkellem partikolarment dwar il-fatt li mingħajr infurzar min-naħa tad-Dipartiment, ftit li xejn jista’ jkun hemm bidla reali, isiru kemm isiru bidliet fil-liġijiet u r-regolamenti.

Delia tkompli targumenta dwar kif bniedem li jaħqar l-annimali jista’ jkun ta’ periklu għas-soċjetà, għaliex jekk bniedem hu lest li jaħqar annimal innoċenti, x’se jkun qed iżommu milli jagħmel ħsara lil persuna oħra, partikolarment lil min hu vulnerabbli bħat-tfal u l-anzjani? “Jekk bniedem ma jitressaqx il-Qorti u ma nippressawx fuq dan il-bniedem li diġà huwa ta’ periklu fis-soċjetà tagħna, din il-kriminalità se tkompli tiżdied, u jekk il-Qorti għandha s-saħħa li tagħti pieni ħorox, dawn għandhom jiġu applikati,” kompliet tisħaq Moira Delia.

Issemmi kif bħalissa jingħataw twissijiet lil min jinqabad jaħqar lil dawn l-annimali. “Jekk hemm il-liġijiet, irridu naraw li l-infurzar jittieħed bl-akbar serjetà mill-awtoritajiet,” żiedet tgħid Delia filwaqt li tkellmet dwar il-każ tal-bulldog li l-ġimgħa li għaddiet, tħalla marbut ma’ bieb sakemm finalment miet. Dwar dan, hi sostniet li l-attivisti tal-annimali ħadu gost li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qal li se jkun qed jaddotta politika ta’ tolleranza żero fejn tidħol il-moħqrija, però se jkunu qed jistennew sabiex jaraw x’se tkun qed tgħid id-deċiżjoni tal-Qorti meta l-persuna responsabbli tiressaq. “Aħna għadna rrabjati, għax wara l-każ tal-kelba Star, rajna li l-persuna responsabbli kien weħel ċuċata, għaliex kien ‘first offender’, u rari tisma’ b’xi każ li tkun ingħatat xi piena ħarxa,” żiedet tisħaq Delia, waqt li sostniet li, “ma nistgħux inkunu tolleranti għal dil-krudeltà.”

‘Kelb ma jitwelidx aggressiv, imma bniedem jagħmlu aggressiv’

Moira Delia tinsisti li l-klieb ma jitwildux aggressivi, imma jekk isiru hekk, ikun kawża ta’ xi ħaġa li għaddew minnha, li l-bniedem ikun għaddiehom minnha. “Din l-iskuża li ngħidu li kelb għandu jinżamm marbut għax huwa aggressiv mhix minnha, għax aħna nkunu għamilnieh aggressiv, għax ħallejnieh marbut, u ħallejnieh fix-xemx għal sigħat twal.” Hu kontra n-natura ta’ kelb li jgħix marbut.

L-annimal domestiku huwa l-aktar annimal viċin tal-bniedem, u allura Delia ssostni li “ma tistax titfgħu f’post żgħir jew tiżolah. Għalfejn iġġib kelb biex titfgħu fuq il-bejt jew tħallih fil-garaxx? Dak huwa membru ieħor fil-familja, u aħjar ma ġġib xejn jekk m’intx lest li tieħu ħsiebu.” Minkejja dan, Moira Delia irrikonoxxiet il-fatt li fil-preżent, b’xorti tajba hawn ħafna kuxjenza, u huma ħafna dawk il-persuni li għandhom il-mentalità li l-annimal domestiku tagħhom huwa parti mill-familja.

Kompliet tisħaq li wasal iż-żmien li nbiddlu l-mentalità u l-kultura antikwata li għandna fejn kelb nużawh għall-għassa, u nħalluh marbut. “Ħafna drabi nisbu dawn il-klieb marbuta, fi rziezet u postijiet remoti li għadhom bil-mentalità antika li jħallu l-klieb għall-għassa. Illum m’hemmx bżonn il-klieb għall-għassa għax hemm ħafna modi oħra għas-sigurtà. Il-klieb mhumiex magħmulin biex nużawhom, imma huma annimali li jħossu bħalna.”